Dr Borg jindirizza wkoll it-Turkish Medical World Congress u jkollu sensiela ta’ laqgħat fil-marġini tiegħu
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, indirizza t-tnax-il edizzjoni tat-Turkish Medical World Congress f’Istanbul, fuq stedina tal-Ministru tas-Saħħa Tork, Prof. Dr Kemal Memişoğlu. Fil-marġini tal-kungress, huwa kellu diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-industrija, bil-għan li jissaħħu l-kuntatti u jiġu esplorati aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni.
“Dan il-kungress u l-laqgħat fil-marġini tiegħu se jgħinuna nkabbru l-għarfien u l-kuntatti tagħna f’qasam li qed jiżviluppa b’ritmu mgħaġġel. Hekk kif qed inħejju u nwettqu proġetti importanti fis-settur tas-saħħa f’Malta, irridu nkomplu nesploraw l-aħjar prattiki u esperjenzi minn pajjiżi madwar id-dinja li jistgħu jgħinuna noffru kura aħjar lill-pazjenti tagħna,” qal Dr Borg.
Fl-indirizz tiegħu, id-Deputat Prim Ministru enfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-iskambju tal-għarfien bejn il-professjonisti, ir-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet tas-saħħa u, fuq kollox, in-nazzjonijiet differenti. Saħaq ukoll li l-progress fit-teknoloġija u fil-mediċina għandu jissarraf f’kura aħjar u aktar aċċessibbli, li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-pazjenti.
L-aġenda tal-kungress indirizzat diversi żviluppi li qed isawru l-futur tal-kura tas-saħħa, fosthom l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġiji ġodda għad-dijanjosi u t-trattament, il-mediċina personalizzata u r-riċerka klinika. Saru wkoll diskussjonijiet dwar il-prevenzjoni tal-mard, l-obeżità, il-kura tal-kanċer u l-iżvilupp ta’ sptarijiet li jużaw teknoloġiji avvanzati.
Dawn l-iskambji huma partikolarment rilevanti fid-dawl tal-proġetti ewlenin li Malta qed tħejji u twettaq fil-qasam tas-saħħa. Dawn jinkludu t-tkabbir tad-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, fejn ix-xogħlijiet diġà bdew, proġetti oħra fl-isptarijiet u fl-istituzzjonijiet tas-saħħa madwar il-pajjiż, kif ukoll it-tisħiħ tas-sistemi diġitali. Il-laqgħat offrew opportunità biex id-delegazzjoni Maltija ssir aktar midħla tal-esperjenza Torka f’dawn l-oqsma. Bħala parti miż-żjara, id-Deputat Prim Ministru u d-delegazzjoni Maltija żaru wkoll sptar ewlieni f’Istanbul.
Id-Deputat Prim Ministru kellu wkoll l-ewwel laqgħa uffiċjali tiegħu mal-Ministru Memişoğlu, fejn ġew diskussi opportunitajiet biex Malta u t-Turkija jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ ministri oħra u kompla d-diskussjonijiet mad-Deputat Ministru tas-Saħħa Tork, Dr Şuayip Birinci, u d-delegazzjoni li żaret Malta l-ġimgħa li għaddiet.
“Il-laqgħat f’Istanbul tawna l-opportunità li nkomplu d-diskussjonijiet li bdejna f’Malta dwar aktar kollaborazzjoni. Irridu nibqgħu naqsmu l-esperjenzi u nitgħallmu minn xulxin, partikolarment fl-oqsma tas-saħħa diġitali, l-innovazzjoni u l-infrastruttura tas-saħħa,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti Renzo DeGabriele u mill-Ambaxxatriċi ta’ Malta fit-Turkija, Dr Marisa Farrugia, Dr Borg kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat ma’ kumpaniji u rappreżentanti tal-industrija li jaħdmu fl-iżvilupp u l-immaniġġjar ta’ faċilitajiet tas-saħħa, kif ukoll fis-sistemi diġitali għall-kura tas-saħħa.